6.30.2005

Telefonata A.A.A.

Iddejjaqt
imdejjaq
ferħan
qed narak
(mhux qed tarani)
inħobbok
daqs wurdiena
fil-gaġġa tal-bieb
dejjaq
fejn se jidfnuni
mingħajr kont
mingħajr calculator
mingħajr ħin
mingħajr ħoss tal-
baħar
jew kikkra kafè
b' televixin mitfi
mingħajr xogħol
mingħajr kelma

għażżien
----------
li tajruni biha
ha ċċaqalquni
bħall-ewwel sinna
li waqatlek
minn ħalqek
b' widnejkom magħluqa
u nobogħod il-fjuri
iċ-ċaqliq tal-fjuri
u nobgħod kull pitazz
tar-rigi wesgħin
għax fid-dojoq
nista’ nikteb
nobogħdok
u fil-wisgħa tiġi tidher
zgħira
se nieħu nifs
u nħassar ismi mit-telefown
directory
mis-seba’ pjaneti
li jduru ġo
moħħok
u jikxfu l-verità
mgħerqa
jew noqtlok jien
l-ewwel
jew int qabli

Illum is-Sibt
u x' se nieklu l-Ħadd
Uff xi sħana
x' kesħa
x' vojt
twil
qasir
tqil
niexef
spiċċajt barra
mingħajr
ġewwa

6.29.2005

Tislima

Dan il-moħħ
ċkejken
jesa’ polz
ta' nifs misluf minn barra.

Il-ġebel dejjem lixxi jtektku
l-ħin fil-ħoss ta' l-għanqbut
Fix-xita tal-kliem
taqtax subgħajk.

Kollox wieqaf rasu 'l isfel
f' dan il-kunċert sieket
tal-forom bla forom
tal-ġwienaħ moħbijja
fin-noli ta' l-ideat.
L-ideat fqar u kbar
li jaqflu l-buttuni
tal-moħħ
u jissiġġilaw it-tislima
nieqsa
minn fuq wiċċi.

6.28.2005

L-irmied ta' xufftejk

U dak l-irmied
li jaqa’ minn xufftejk u
jinqabad fix-xibka ta' ruħi

Fuq il-moll ta' l-iskola għandi nistennik
bil-maktur nadif fejn naħbi
id-disinnji tal-mistħija

It-truf roża tal-lożor imqalbin
f' dan ir-ritratt imtebba’ tal-passat
fit-toqba tal-bieraħ

Hemm 1000 ħabel tal-weraq aħdar
fejn għadhom jimxu l-ħsejjes ta' jdejk.

U l-ingwanti jagħmlu xogħolhom
bħall-ewwel xita jaqtawli lsieni
bħall-ponta ta' ħġieġa ngħaddi xuftejja
u nitgħawweġ u niġbor il-kliem moħbi
fit-trab
li sar parti mill-irmied ta'
xufftejk

6.27.2005

Illum armejt ruħi ġol-baħar

Bilwieqfa kontra dell iswed
ħriġt ġebla tleqq minn qalbi
u
tfajtha
fil-kilometri tal-ħin
'l isfel
ġo
l-blu iswed
tal-baħar.

Kienet forsi rixa
minn għasfur?
jew xi poeżija minn
mara
Eġizzjana?

u l-baħar tfewwaq
mewġa ħadra
minn xagħru
u
erġajt
ġbart
dak
li
armejt.

6.26.2005

U kieku jiena salib?

Rajtek ġejja bl-offerti
bid-dmugħ ta' moħħok fi plattina
Kien hemm 3, 2, 1, jew erbgħa
u lanqas biex tisqi għasfur li kien
għadu jitwieled ma kellek
Ħarist lejn wiċċek u qabadni
l-għatx.
Għall-ewwel darba minn wara
dik il-mera li saħħant it-toqob
tal-ħsibijiet tiegħek
"Ġibu lura għax inħobbok" għidt inti
ġibu lura lura lura u
suffarina inħliet u spiċċajna fid-dlam
fis-skiet wara l-purtiera tal-ħġieġ
stennejtek
tinża u turini sidrek roża
It-tbenġil ta' gideb fuq poeżija
toħroġ idejk biex twaddab il-ġebel
twaqqa' 'l xi ħadd minn fuq xi bandla
għax dejqek
u x-xita bdiet nieżla u l-ħbula
bdew jinżlu u d-dmugħ bdew jikbru
ġo kuċċarina
u gdibt bħall-ewwel inbid li
żżidlu zokkor u gdibt
bħall-ajruplan tal-plastic
u gdibt meta kont taf li
kelli cancer (f' xi żmien)
(Għalfejn) => biex tieħu l-flus tiegħi
_______________________________

Orbot idejk bħal-tifla zgħira
u jiena nżilt minn hemm
u gdimtlek għonqok.

6.25.2005

U għaliex kollox perfett?

Kollox marbut ma' spaga waħda
jekk tħollha taf tneħħi l-ħoss
tal-baħar

Taf tnessi l-għajnejn magħluqin
biex jibqgħu magħluqin

Taf tpinġi bieb ġo ċimiterju
ħalli l-erwieħ ixommu l-laħam tas-siġar
u jisimgħu t-tbandil tal-qniepen
ħalli jieklu l-weraq ħodor
u jgħumu fil-likwidu tas-siment
tas-sema.

Ħalli jimxu fit-tubi trasparenti
dawn l-ucuħ ta' l-art
li jisimhom għelieqi

U jiġbru l-frawli u jpartu t-tut
u jisparaw l-imsiemer tal-qronfol
minflok mibgħeda
li tkejjilha b' riga
jew b' għonq ta' flixkun
bix-xfafar tad-demm tista' tagħmel festa.

6.24.2005

Ix-xemx nieżla

Hemm ċentimetru għoli
fejn jegħreq il-ħsieb

u t-tifel żgħir jilbes l-ingwanti
tal-gomma

u jaqra fil-polz
it-taħbit tax-xemx

tissara mal-aħħar għoljiet
qabel ma jsajjarha l-lejl
f' dan id-dlam ta' bla forma
fejn minn taħt
jiġu sparati
il-porvli blu
tal-baħar.

6.23.2005

L-uniformi tal-baħar fis-skiet

Il-baħar kwiet fis-skiet
fid-dlam f' idejn il-fqar
fir-rixtellu tas-sadid
hemm xi ħaġa tixbah ix-xagħar
griż.
U l-mewġ, ir-ragħwa
it-talb fuq id-dgħajjes
fil-qsim tal-ħsieb
jaqa' l-frak
mill-għoli
f' dik il-fjura tfuħ
miżmuma f' xi vażett vjola

6.22.2005

Kmieni filgħodu

Kmieni filgħodu meta l-kuluri
imutu fil-qiegħ ta' l-affarijiet
Kollox jimxi b' lura
u l-lingwa ta' bil-lejl terġa’
lura fil-fliexken mimlijin
inka

Kmieni filgħodu
meta jittewbu l-ewwel sħab fis-sema
meta t-traffiku ta' l-għasafar jimtela’ fl-ajru
u l-ħsejjes kbar jilgħabu maż-żgħar
u l-bibien jinfetħu
u s-silenzju tat-twieqi jitwieled
fid-dawl ġdid
Kmieni filgħodu

6.21.2005

L-Għasfur

Fid-duħħan blu
l-għasfur
tar
sparixxa
bħal-gomma
li ħasret
għadira
dlam

6.20.2005

Requiem lil Imnieħri

Nobgħod il-mutur li għandi
ġo moħħi
Il-Mera
[Iss.. Il-Merat]
"L-applawsss tal-molekoli f' xi
splużjoni
ħamra fuq tapit
tas-silġ"
Il-ħofra sewda
It-telefonata fil-mera
Il-ħabel inviżibbli tal-ħġieġ
It-30 għoqda f' ismi
(L-imqass jistenna
tazza ħalib)
"Il-logħba tal-fjuri li jitkelmu
fin-nifs tat-twiebet"
Il-mera
Id-dell ta' mnieħri wurdiena
tgħum fl-abjad tal-ħajt
Il-fiżiku ta' mnieħri
Il-ġlekk tal-vellut
u fil-but jerġa' jistaħba mnieħri.

Imnieħri onest
alavolja il-vjola jibqa' vjola

Imnieħri onest
ħa konkors ta' sbuħija u werwer
il-kliem fil-kotba u l-insetti fl-inkwatri.

6.19.2005

Rota Roża

Liema tasal l-ewwel?
dgħajsa tal-karti jew rota
mingħajr roti biex inkompli din l-istorja?
__________________________________________

L-ewwel tqarbina kienet tixbah
l-ewwel qatgħa xagħar fil-mera
jew l-ewwel tbenġila wara daħka?
Prosit
(Televixin mingħajr buttuni)
Kemm inħobbok iktar mill-butir
għalhekk hemm xi ħaġa tqila fil-
qabar tiegħi
Niftakar
Niftakrek
Tibdel il-fjuri tirranġa l-ġebel
titla' s-sellum biex tibdel bozza
u pjaċir iċarċar ma' idejja
u missejt is-sħana u l-bozza
ittatiet u l-passat mexa lura
xjaħ
irmied fuq siġġu
u niftakar tbiddel il-fjuri
u tneħħili l-lazz ta' l-uġigħ
u tbiddel il-prezz minn fuq ġismi
29 sena u nobogħod il-ħalib.
______________________________________

33 " nibdel in-nuċċali
u nilgħab noli mal-mewt
u ma niftaħx ħalqi
u nidher minn wara
u għonqi għadu ta' tifel
żgħir.

Inpinġi l-weraq ħodor fix-xitwa
Inpoġġi l-ħiter fis-sajf

x x x x x x x x x x x x x x x x x x x x c x c x

u ħa mmut mhux bħal Kristu
ħa mmut mingħajr memorja
mingħajr qniepen li ma jfakrunix
minn fejn ġejt jew minn fejn tlaqt.